you're reading...
Events, Pupils

Waslu l-piggy banks għall-Istrina 2012

DISKORS MIS-SINJURA MARGARET ABELA FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TAL-KAMPANJA TAL-PIGGYBANK FL-ISKEJJEL

L-għodwa t-tajba u grazzi mill-qalb għall-merħba sabiħa li minn sena għal oħra dejjem tagħtuna. Sena oħra għaddiet, u wara kampanja pożittiva u rekord fil-ġbir ta’ donazzjonijiet minn din il-kampanja b’risq l-Istrina, bi pjaċir illum iltqajna sabiex għar-raba’ sena konsekuttiva tiġi mnedija din il-kampanja fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex. Intom l-istudenti tagħmlu din il-kampanja waħda speċjali. Bil-flus li intom titfgħu fil-karus jirnexxilkom tiġbru s-somma sabiħa sabiex tgħinu lil sħabkom li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet partikolari.

Apparti mill-flus li jinġabru tul din il-kampanja, intom it-tfal tagħtu eżempju ta’ sens ta’ mħabba, altruwiżmu u ġenerożità li għandkom. Sempliċiment daħka lil sħabkom, jew għajnuna li tagħtu lil xulxin sabiex tirnexxu fl-istudju tagħkom, jafu jkunu ta’ faraġ għal sħabkom kull filgħodu. Aħna ngħixu f’soċjetà fejn kollha għandna bżonn xulxin u li flimkien nistgħu nagħmlu d-differenza.

Illum hija ġurnata ta’ festa fejn se niċċelebraw is-solidarjetà u l-għarfien fostkom l-istudenti dwar is-sens ta’ karità, …. kemm kapaċi nkunu hemm għall-oħrajn meta l-aktar ikollhom bżonna.

Hu ta’ sodisfazzjon għalina meta naraw lilkom l-istudenti tipparteċipaw b’mod attiv fl-attivitajiet li jiġu organizzati b’risq l-Istrina. Intom xhieda tas-solidarjetà u l-ġenerożità li għandu l-poplu Malti u Għawdxi.

Nixtieq nuri l apprezzament tagħna lejn l-għalliema u d-diriġenti tant dedikati, u li jagħmlu xogħol kbir fil-qasam edukattiv. Grazzi wkoll lill-Bank of Valletta li ta’ kull sena jissapportjaw din il-kampanja tant importanti.

Din is-sena wkoll, l-Istrina ser issir nhar is-26 ta’ Diċembru. Inħeġġukom sabiex sa dakinhar issegwu u tipparteċipaw fl-attivitajiet kollha li se jiġu organizzati sabiex flimkien naslu għall-maratona tal-Istrina, l-għada tal-Milied.

Grazzi mill-qalb.

Discussion

Comments are closed.

October 2012
M T W T F S S
« Sep   Nov »
1234567
891011121314
15161718192021
22232425262728
293031  

Archives

Sections

Hits Counter

  • 71,465 hits
%d bloggers like this: